Ruth Frendo hi kittieba, producer tat-televiżjoni u tal-films, u preżentattriċi stabbilita. Rebħet premjijiet internazzjonali u lokali relatati max-xogħol tagħha, hekk kif ilha taħdem fl-industrija tal-midja mill-2001. Responsabbli għal eluf ta’ sigħat ta’ televiżjoni kemm fuq l-istazzjon nazzjonali Malti, kif ukoll fuq One Tv. Il-programmi li pproduċiet u preżentat jinkludi dokumentarji, programmi tad-diskussjoni, programmi kulturali u tat-tfal, u anki programmi relatati ma’ films, ma’ kotba u anki mas-soprannatural, fost ħafna oħrajn.
Fl-2017, kienet il-wiċċ tal-kampanja internazzjonali Erasmus u ntgħażlet biex tieħu sehem f’kampanja internazzjonali apposta li xxandret madwar l-Ewropa. Fost id-diversi premjijiet li rebħet tul is-snin, jistgħu jissemmew il-premju Success Story Erasmus+ mill-Parlament Ewropew fi Strasburgu, u l-Premju Frans Sammut.
Ruth kienet ukoll l-editur tar-rivisti Wow!, il-Gwida u Karavan. Kitbet diversi kotba li spiċċaw bestsellers, fosthom l-ewwel kotba interattivi bir-realtà maħluqa li qatt kellna f’pajjiżna, kif ukoll ktieb ibbażat fuq wieħed mill-programmi televiżivi tagħha. Ruth kitbet ktieb għall-karita, li ġie mnehdi mill-President ta’ Malta, hekk kif dan ġie distribwit b’xejn fl-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex. Ġiet imqabda biex tikteb serje ta’ e-books, kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż, biex jippromwovu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonaijiet Uniti.
Riċerka li għamlet ġiet tradotta f’seba’ lingwi, hekk kif kitbet ukoll artikli għal diversi rivisti lokali u barranin (Ingliżi u Amerikani). Ruth hi l-kittieba u l-producer ta’ diversi xogħlijiet awdjo-viżivi fosthom: l-ewwel serje stopmotion f’Malta u l-ewwel film Malti addattat għall-familja kollha; liema film deher fiċ-ċinema fl-2017 u fl-2018. Minbarra hekk, kienet il-PRO ta’ festival tal-kant internazzjonali.
B’mod volontarju, Ruth hi s-Segretarja ta’ organizzazjoni mhux governattiva bl-isem ta’ Write Deal Association. Din l-għaqda tuża l-midja biex tippromwovi suġġetti importanti soċjali u dwar l-ambjent. Tul is-snin, kienet responsabbli biex tapplika, tiżviluppa u tipproduċi varjetà ta’ proġetti. Fosthom proġett Gruntwig li nvolva seba’ pajjiżi differenti u li minnu ħareġ dokumentarju. Ma’ din l-għaqda, Ruth ipproduċiet u mexxiet film qasir dwar il-konsegwenzi tal-bullying. Il-krew u l-kast li ħadu sehem f’dan il-film kienu jinkludu żgħażagħ minn uħud mill-iktar ambjenti żvantaġġati ta’ pajjiżna.
Ruth kienet il-kittieba, producer, ko-ordinatriċi u PRO ta’ serje ta’ animazzjoni 2D cartoons li ippromwovow numru ta’ suġġetti soċjali. Din is-serje ta’ animazzjoni rebħet premjijiet lokali u internazzjonli, hekk kif kienu wkoll mnehdin mill-Eċċellenza Tagħha l-President ta’ Malta.
Fl-2017, Ruth żviluppat u mexxiet proġett ma’ tfal bl-awtiżmu li ġew mgħallmin minn artist professjonali tal-folley. It-tfal ħolqu l-ħsejjes għall-animazzjoni grazzi għal oġġetti ta’ kuljum. Dan il-proġett intwera waqt attività fejn il-familji tat-tfal kienu preżenti.
Tul is-snin, Ruth ippreżentat attivitajiet tal-karita, kemm televiżivi kif ukoll live. Dawn jinkludu maratoni, spettakli tal-moda, programmi bi tfal bi bżonnijiet speċjali, u oħrajn. B’riżultat li kien hemm iktar tagħrif dwar għaqdiet volontiera, ġbir ta’ fondi u għajnuniet fiżiċi u psikoloġiċi għal individwi żvantaġġati.
Gradwata f’livell ta’ maġisteru fil-kamp tal-komunikazzjoni u r-relazzjonijiet pubbliċi mill-Università ta’ Sheffield Hallam, fl-Ingilterra. Fil-ħin liberu tagħha Ruth tara l-films, tmur timxi ħdejn il-baħar, taqra u tivvjaġġa ma’ żewġha, Charlo C Bonnici.
Biografija



