top of page
Aktar Informazzjoni
Festivals, Drama Coach, Radju u Iktar
Fl-2017, ġiet imqabda tikteb serje ta’ e-books, kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż, biex jippromwovu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonaijiet Uniti. Dawn l-e-books ġew wżati fl-iskejjel tal-gvern.
Minbarra hekk, Ruth kienet l-Ambaxxatriċi Maltija uffiċjali ta’ Erasmus+. Kienet waħda mit-tmien personalitajiet Ewropej li ħadmu f’kampanja internazzjonali li ġiet iffilmjata fi Brussel u li kellha l-produzzjoni tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu. Din il-kampanja xxandret madwar l-Ewropa fl-2017.
Ruth ikkordinat il-festival televiżiv tat-tfal bl-isem ta’ Għanja lil Omm (2006) bi produzzjoni ta’ One Tv, liema festival ippreżentat. Għal sentejn, kienet kemm il-PRO, kif ukoll membru tal-bord ta’ festival tal-kanzunetti bi produzzjoni ta’ One Tv u Hamilton Travel Ltd. Dan kien jismu Il-Festival Internazzjonali Televiżiv Malti tal-Kanzunetti (2006-2007).
Kienet l-abbiltà ta’ Ruth wara l-kamera li wassalha biex, għal sentejn u nofs, setgħet tagħmilha ta’ drama coach
fil-programm popolari F’Idejn L-Imħallef (2001-2003). Ix-xogħol tagħha kien li ta’ kull ġimgħa tikkastja u tħarreġ atturi ġodda u stabbiliti. Dan għax il-programm kien fih atturi li riedu jirreċtaw każijiet li seħħew tassew fil-qrati Maltijn. Dan quddiem imħallef veru.
Minbarra hekk, smajna leħen Ruth f’diversi plejs tar-radju u voice-overs. Ipproduċiet u ppreżentat Cultural Menu u Dynamic Women in Malta għar-radju internazzjonali Voice of the Mediterranean. Iktar tard ipproduċiet u ppreżentat serje tar-radju ffukata fuq l-industrija tal-films bl-isem ta’ It-Talkies li xxandret fuq l-istazzjon RTK. Fost il-mistednin li kellha nsemmu ikoni internazzjonali bħal Ino Bonello li kien nomimat għal Emmy, u Tony Dyson, il-kreatur tar-robot R2D2 tal-franchise Star Wars.
Riklami Internazzjonali, Xogħol Volontarju u Proġetti Oħrajn
Minbarra l-kampanja internazzjonali Erasmus+, Ruth ħadet sehem f’żewġ riklami internazzjonali għall-kumpaniji Adidas u Beirut Bank. Dawn ir-riklami dehru fl-Ewropa u f’xi pajjiżi Għarab.
Interessanti li l-ewwel xogħol ta’ Ruth kien eżatt wara li ħarġet mill-iskola tad-drama. Wieħed mill-għalliema tad-drama għażilha minn fost l-istudenti l-oħrajn biex tieħu sehem f’kampanja fejn kellha tilbes ħwejjeġ differenti ta’ perjodi varji tul is-snin.
Ruth kitbet l-iskripts (bil-Malti u bl-Ingliż) għall-ewwel serje ta’ animazzjoni professjonali, liema serje ppromwovit numru ta’ suġġetti soċjali. Is-serje dehret fi swali taċ-ċinema qabel il-bidu tal-films; waqt li l-proġett ġie mniegħed
mill-Eċċellenza Tagħha l-eks-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca. Dan il-proġett kien jismu U Għexu Kuntenti Għal Dejjem.
Ruth kitbet ukoll ktieb għall-karita bl-isem Il-Klabb Malti tal-Avventuri bl-għan li dan joffri ‘empowerment’ lit-tfal bi bżonnijiet speċjali. Dan il-ktieb, li wkoll ġie mnehdi mill-eks-President ta’ Malta, ġie mqassam b’xejn f’kull skola f’Malta u Għawdex (jiġifieri fi skejjel governattivi, tal-knisja u privati).
Proġetti oħrajn inkludew il-parteċipazzjoni f’LoġġaPalk; proġett organizzat mid-drama nazzjonali ta’ Malta li fih atturi tal-palk kienu jiġu mitlubin jaqraw skripts lokali li qatt ma ġew prodotti. Dan waqt avveniment organizzat apposta.
Tul is-snin, Ruth ippreżentat u pparteċipat f’numru ta’ attivitajiet għall-karita għal organizzazjonijiet bħal Mission Fund, Inspire, Little Sisters of the Poor, YMCA, Dar il-Kaptan, Eden Foundation, Caritas u oħrajn.
Xogħol ieħor volontarju li għamlet jinkludi l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ proġetti għal tfal bl-awtiżmu; l-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ proġett Gruntwig li wassal għall-ħolqien ta’ dokumentarju; il-kitba u l-produzzjoni ta’ kampanja ta’ animazzjoni li offriet promozzjoni lil diversi setturi soċjali importanti, bħad-donazzjoni tad-demm u l-ugwaljanza; u l-produzzjoni u
l-koordinazzjoni ta’ film qasir li wera l-konsegwenzi tal-bullying. Għal dan il-proġett, il-membri tal-krew u tal-kast kienu jinkludu żgħażagħ ġejjin minn familji soċjalment żvantaġġati.
bottom of page