L-Għoġol tad-Deheb
It-triloġija best-seller tieħu l-ħajja grazzi għar-realtà maħluqa (l-ewwel kotba interattivi ta’ dan it-tip f’pajjiżna) u ġew addattati f’film ċinematografiku u serje televiżiva. It-triloloġija hi miktuba minn Ruth Frendo, bi produzzjoni ta' Pro.Motion Limited.
Il-kotba mhux biss ġew distribwiti mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu f’kull skola f’Malta u f’Għawdex (skejjel tal-gvern u tal-knisja), imma jinsabu wkoll fuq il-linja tal-ajru nazzjonali.
Il-qarrejja jistgħu jniżżlu app b’xejn fuq il-mobajl jew it-tablet tagħhom. (L-istruzzjonijiet jinsabu f’dan is-sit). Imbagħad il-qarrejja jistgħu jippuntaw il-mobajl/tablet lejn l-illustrazzjonijiet li jinsabu fil-ktieb u minn hemm jibdew igawdu minn biċċiet ta’ filmati u animazzjoni relatati mal-istorja. L-illustruzzjonijiet ġew maħluqin minn artisti lokali u internazzjonali apposta għall-kotba.
Is-serje ta’ kotba interattivi ġiet megħjuna mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu u mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.
Il-Misteru tal-Għoġol tad-Deheb (Ktieb #1)
Niltaqgħu ma’ Pia, orfni ta’ 12-il sena li temmen li ħadd ma jkun iħobbha. Wara li tisma’ l-leġġenda lokali dwar l-Għoġol tad-Deheb, tiddeċiedi li tibda tfittxu. B’hekk Pia u l-kuġin tagħha Sandro, li wkoll ikollu 12-il sena u li xejn ma jkun kunfidenti, jibdew avventura mimlija misteri. Sabiex isibu dan it-teżor ikollhom jaffrontaw diversi perikli f'labirint taħt l-art; l-istess labirint li fih ikun sparixxew xi tfal snin qabel.
L-avventura tal-kuġini twassal biex huma jiskopru sigrieti kbar u antiki li l-familjari tagħhom ikunu ilhom is-snin jaħbu. Pia u Sandro jispiċċaw mitlufin taħt l-art u jridu jifaċċjaw periklu kbar (u forsi anki fantażmi!). Fl-aħħar u mhux l-inqas, it-tfal jiskopru wkoll il-familja x'valur tassew għandha.
L-istorja hi spirata minn artiklu li deher fir-rivista internazzjonali National Geographic dwar kif fis-snin tal-1930, grupp ta’ tfal sparixxa b’mod misterjuż waqt ħarġa
tal-iskola.
Il-Misteru tal-Għoġol tad-Deheb ġie mnehdi waqt il-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb 2017. Minnu ħareġ film li deher fiċ-ċinemas fl-2017 u fl-2018.

It-Tfal tal-Għoġol tad-Deheb (Ktieb #2)
Xi tfal qed jisparixxu... jista’ jkun li Pia tinsab fil-periklu?
Sandro, il-kuġin ta’ Pia, imur jgħix ma’ missieru għal xi żmien. Pia tispiċċa titwikka b’Jaden, tifel arroganti li ommu tkun ħabiba ta’ zijitha. B’xorti tajba, tagħmel ukoll ħbieb ma’ Margerita, tifla simpatika.
Pia, Jaden u Margerita jsibu bagalja antika bid-djarju tan-nanna Carmen u b’dokument stramb. Jaden jemmen li dan id-dokument jista’ jwassalhom għal teżor hekk kif il-ħjilijiet juruhom li jridu jmorru jfittxu ġo Katakombi. Sadattant, u wara li z-zija Raquel tkun reġgħet daħlet għall-għoġol tad-deheb, xi ħadd jidħol f’darha u jisirqu. Imma x’inhuma l-iskopijiet veri tal-ħalliel?
It-tfal jgħaddu minn avventuri u diffikultajiet kbar (li forsi għandhom ukoll x’jaqsmu mas-sopranatural!), hekk kif jiskopru sigrieti li qatt ħadd ma jkun ħolomhom u li jistgħu jipperikolaw il-ħajja ta’ tfal oħrajn…
It-Tfal tal-Għoġol tad-Deheb ġie mnehdi waqt il-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb 2018. Minnu ħarġet serje televiżiva li dehret fuq l-istazzjon One Tv bejn Ottubru u Diċembru 2018.

Is-Sagrifiċċju tal-Għoġol tad-Deheb (Ktieb #3)
Pia u l-familja tagħha jirċievu ittra li fiha jiskopru li jkunu tilfu d-dar tan-nanna Carmen… Minbarra hekk, Pia ma jkollhiex għażla oħra ħlief dik li ssib it-tielet teżor. Għaliex? Fuq kollox, x’inhu dan it-tielet teżor? Jiġri wkoll li t-tifla u Jaden il-ġenju jitolbu l-għajnuna lil Zack u Sarah. Imma għaliex jagħmlu dan?
F’dan l-aħħar ktieb mit-triloġija, l-isfidi li t-tfal jaffrontaw ikunu ħafna iktar perikolużi minn qatt qabel. Ħajjet il-familjari tagħhom saħansitra jkunu jinsabu fil periklu. Biex ma nsemmux li Margerita u Aaron ikunu jridu jivvendikaw ruħhom minn Pia u sħabha. Imbagħad, l-avvenimenti li jkunu seħħu fil-passat imbiegħed, iwasslu għal konsegwenzi li ħadd
ma jkun qatt stenna.
