Id-Dinja tal-Orsini
Ħames persunaġġi b’forom, kuluri u daqsijiet differenti jgħixu f’post speċjali. Flimkien, huma jgħaddu minn avventuri differenti. Bis-saħħa t’hekk, il-ħamest iħbieb jesploraw ħajjithom b’tali mod li jistgħu jifhmuh sew il-qarrejja tfal. Barra minn hekk, kull storja twassal għal avventura ‘Orsina’ differenti, li dejjem tgħaddi messaġġ utli.
L-istejjer tal-Orsini ifittxu li jiftħu l-imħuħ u l-qlub tat-tfal, sabiex juruhom kemm id-dinja tagħna hi tassew sabiħa u maġika!
Billi l-kotba jinkludu r-realtà maħluqa, il-karattri jieħdu l-ħajja grazzi għall-animazzjoni stopmotion. Wara li jniżżlu app b’xejn fuq il-mobajl jew it-tablet tagħhom (l-istruzzjonijiet jinsabu f’dan is-sit), il-qarrejja jistgħu jippuntaw il-mobajl/tablet lejn l-illustrazzjonijiet li jinsabu fil-kotba. Minn hemm il-qarrejja jibdew igawdu l-animazzjoni tant gustuża u professjonali.
Fil-ewwel ktieb mis-serje, Mhux Widnejn Kulħadd Huma Xorta naqraw kif il-ħajja tal-erba’ Orsini tinbidel meta jasal persunaġġ ġdid fosthom. Dan ikun ferm differenti minnhom. Tkun ukoll waslet il-ġurnata tal-Kompetizzjoni tal-Kejkijiet … Mmm!
Imbagħad fil-ktieb M’Hemmx Isbaħ mill-Verità nsiru nafu kif bi żball, Anna tkisser in-nuċċali ta’ Whitney, imma ma tgħidilha b’xejn lil ħabibtha. Għalhekk, Whitney tispiċċa taħseb li tilfet in-nuċċali. Mingħajru, Whitney ma tistax taqra
r-riċetta li għandha bżonn, u allura ma tistax tagħmel il-kejk għal sħabha. Sadattant, Anna tkompli taħbi l-verità…
Tgħid Whitney se jkollha tħassar il-festin?
Fil-ktieb L-Orsini Jgħoddu u Jiċċaqilqu, l-Orsini jiltaqgħu ma’ kelb għażżien ħafna, li ma jħobbx jagħmel l-eżerċizzju. Imma l-Orsini jafu li, biex nibqgħu f’saħħitna, huwa importanti ħafna li niċċaqilqu. Għalhekk, jiddeċiedu li jagħtuh tagħlima żgħira lil dan il-kelb, u fl-istess ħin jispiċċaw jgħoddu xi naqra wkoll! Mela x’għandhom f’moħħhom? Ejjew ħa naraw x’se jivvintaw din id-darba, il-ħbieb tagħna.
F’Kull Orsinu Hu Speċjali l-Orsini jieħdu ritratt flimkien. Imma Anna tant hi twila, li rasha ma tidħolx fir-ritratt. Minbarra hekk, bi żball Anna taqa’ fuq il-kejk. Minħabba li jkun ir-riħ, waħda mill-Orsini tittajjar fuq il-bejt ta’ dar. Issa x’se jiġri? Tgħid xi ħadd jirnexxielu jsalvaha lil din l-Orsina?
Fil-ħames ktieb, L-Orsini Jagħmlu l-Praspar, Henry jpinġi lil sħabu Whitney u Clyde. Imma msieken, Whitney u Clyde ma jdumux ma jaqbadhom il-ġuħ u jħossuhom għajjenin. Minbarra hekk, Orsinu ieħor joqgħod imqareb ħafna. Tant, li Whitney u Clyde jieħdu għalihom. Tgħid Henry jirnexxielu jpinġihom lil sħabu? Min jaf Whitney u Clyde iħossuhomx aħjar?
L-istejjer jistgħu jinqraw mill-adulti lit-tfal, kif ukoll mit-tfal infushom.
Is-serje ta’ kotba interattivi ġiet megħjuna mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu u mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u
x-Xogħol.
Minbarra hekk, dan il-proġett kellu fondi ta’ produzzjoni mill-Kummissjoni Maltija tal-Films, filwaqt li d-disinn u
l-produzzjoni tas-sets saru mill-MCAST.