Il-Misteru tal-Għoġol tad-Deheb
Ktieb #1
Kitba ta' Ruth Frendo
Niltaqgħu ma’ Pia, orfni ta’ 12-il sena li temmen li ħadd ma jkun iħobbha. Wara li tisma’ l-leġġenda lokali dwar l-Għoġol tad-Deheb, tiddeċiedi li tibda tfittxu. B’hekk Pia u l-kuġin tagħha Sandro, li wkoll ikollu 12-il sena u li xejn ma jkun kunfidenti, jibdew avventura mimlija misteri. Sabiex isibu dan it-teżor ikollhom jaffrontaw diversi perikli f'labirint taħt l-art; l-istess labirint li fih ikun sparixxew xi tfal snin qabel.
L-avventura tal-kuġini twassal biex huma jiskopru sigrieti kbar u antiki li l-familjari tagħhom ikunu ilhom is-snin jaħbu. Pia u Sandro jispiċċaw mitlufin taħt l-art u jridu jifaċċjaw periklu kbar (u forsi anki fantażmi!). Fl-aħħar u mhux l-inqas, it-tfal jiskopru wkoll il-familja x'valur tassew għandha.
L-istorja hi spirata minn artiklu li deher fir-rivista internazzjonali National Geographic dwar kif fis-snin tal-1930, grupp ta’ tfal sparixxa b’mod misterjuż waqt ħarġa tal-iskola.
Il-Misteru tal-Għoġol tad-Deheb ġie mnehdi waqt il-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb 2017. Minnu ħareġ film li deher fiċ-ċinemas fl-2017 u fl-2018.